"ĊENS PERPETWU"
Intervista
ORESTE CALLEJA
u
4 DRAMMI
Nemmen li Ċens Perpetwu mhux biss jikxef parti sew mill-qagħda
soċjali ta' Malta f'tarf is-sittinijiet iżda hu wkoll dramm li joffri
divertiment qawwi jekk isib udjenza għandha kultura biżżejjed li tanalizza
dak li jrid iwasslilha Calleja"
L:
Ismek illum hu sinonimu mal-ktieb 4 Drammi. Kif u meta bdejt tikteb
id-drammi?
T. Naħseb li l-ġibda tiegħi lejn il-palk tmur lura sa żmien tfuliti.
Jien u ħuti, bħal tfal oħra, dejjem konna ndaħħlu fil-logħob tagħna xi
għamla ta' reċtar - kemm meta konna nilgħabu bis-suldati taċ-ċomb jew
tal-plastik, kemm meta konna nivvintaw xi stejjer biex inpinġuhom u
nagħmluhom f'komiks, kif ukoll, u speċjalment, għall-ħabta tal-karnival
meta niftakar kont nagħmel palk żgħir b'xi kaxxa tal-kartun taż-żraben,
inpinġi x-xenarju kif ukoll il-karattri fuq il-kartun, u mbagħad nvvinta u
nikteb xi storja biex nirreċtawha bihom. Dak iż-żmenijiet, qed ngħid
għas-snin ħamsin u l-bidu tas-sittinijiet, iż-ziju tagħna Oreste Chircop
kien qed jagħmel isem bħala tenur fuq il-palkijiet tad-dinja kollha u
naħseb li ma setax jonqos li dan kompla jiġbidni lejn it-teatru. Kien però
bosta snin wara, meta kelli xi dsatax-il sena u konna xtrajna tejprekorder
li ġietni l-idea li nikteb xi dramm ċkejken u noħloq parti għal kull
wieħed minn ħuti biex imbagħad nagħmluh fuq it-tejp. Ġara iżda li tant
inħkimt minn din il-biċċa xogħol, u tant sibt ruħi neħodha bis-serjetà li
bil-mod il-mod insejt l-għan oriġinali li għalih bdejt nikteb u spiċċajt
xhur wara billi ktibt l-ewwel dramm tiegħi għar-Rediffusion. Dak iż-żmien
biex wieħed jissottometti radjudramm kien jeħtieġlu li l-ewwel jibgħat
"synopsis" tad-dramm u xi paġni ta' djalogar u jikteb d-dramm sħiħ wara li
jirċievi l-approvazzjoni tad-Drama Panel. Minn dak l-ewwel radjudramm li
ktibt jien qatt ma stajt insegwi din is-sistema għax dejjem ridt nara d-dramm
lest meta darba nkun bdejt niktbu.
M. X'kienet il-pożizzjoni jew il-qagħda letterarja tad-dramm Malti meta
bdejt tikteb l-ewwel xogħol tiegħek ?
T.
Għalkemm m'ilix għajr ftit xhur
lura
Malta, milli nista' nifhem, u minn dak li jgħiduli, jidhirli li l-qagħda
attwali tad-dramm Malti ma hiex wisq differenti minn dik ta' għoxrin sena
ilu. Bid-differenza forsi li dak iż-żmien kien hemm aktar ħeġġa fost
il-kittieba żgħażagħ milli jidher li hawn illum. Waqt li fl-iskola konna
nistudjaw "II-Fidwa tal-Bdiewa" ta' Ninu Cremona u d-drammi ta' Ġuże
Aquilina, b'Ġuże Diacono u Francis Ebejer il-Palk Maltl kkontemporizza
ruħu radikalment. Minbarra li dak iż-żmien ir-Rediffusion kien mezz
tabilħaqq aċċessibbli għal kull min kien jitħajjar jikteb dramm, kien hawn
ukoll bosta għaqdiet, kemm letterarji u kemm tejatrali li kienu attivi
ħafna. Barra serati organizzati minn għaqdiet bħall-Moviment Qawmien
Letterarju, kont issib ukoll pereżempju l-preżentazzjonijiet "Xsenuru"
imtella' mill-"University Players." Dawn kienu jkunu aktarx ta' xejra
avangardista u aggressiva u frott ta' ħidma intensiva, kemm ta' atturi,
kif ukoll ta' diretturi u kittieba li tista' tgħid illum jiffurmaw parti
essenzjali mill-Palk Malti attwali. Għalija li ili sbatax-il sena maqtugħ
mix-xena lokali, diffiċli nagħraf illum l-ilħna ewlenin ta' dawk li ġew
wara.
M. Niġu għal "Ċens Perpetwu" - xi kwalità ta' dinja soċjali ridt toħroġ
bis-saħħa tal-karattru tax-Xiħ li tul id-dramm kollu lanqas ilissen kelma
waħda biss?
T. Aktar
milli x'ridt noħroġ, wieħed forsi jista' jgħid x'ħareġ fil-fatt.
Ma naħsibx li kelli 'a priori' xi teżi speċifika li ridt nelabora. Jekk
l-ambjent ta' "Ċens Perpetwu" juri ċertu telfien ta' identità, jew egoiżmu
u kilba għall-flus, dawn ħarġu għaliex kienu inerenti fin-nisġa
tal-istorja u fil-karattri nfushom. Ma jfissirx li ma kenux jeżistu wkoll
fl-ambjent soċjali u lokali ta' żmieni. Bħalma għadhom illum. Jekk ix-Xiħ
ma jitkellimx forsi jista' jkun għax ma jistax - jew għax għalih mhux 'val
la pena" li jitkellem aktar. Bħala eks-politikant - u hawnhekk nixtieq
niċċara li jeżistu politkanti ġenwini, talanqas fid-dinja tiegħi, forsi
jinduna li l-valuri li għalihom iddedika ħajtu m'humiex apprezzati jew
mifhuma aktar mill-ġenerazzjoni ta' Fonzu u Roża, waqt li lil Fredu, li
wara kollox jimmedeżima l-'prodott' tal-ġenerazzjoni ta' dawn l-aħħar
tnejn, ma għallmuħx is-siwi tal-valuri tax-xjuħ li ġew qabilhom. Pero'
huwa għadu żagħżugħ biżżejjed biex jintebah li hemm xi ħaġa nieqsa
f'ħajtu. Forsi għax iħoss in-nuqqas ta' ħolm ta' ġejjieni aħjar? Jekk
imbagħad nieħdu I-iżgħar karattru tad-dramm, it-Tifel, naraw li dan, għax
għadu 'ġdid'. jew bla ħażen, jaf bla ħadd ma jgħidlu x'inhuma l-veri
valuri tax-Xiħ. Forsi istintivament jaf ukoll li x-Xiħ ma mietx
(spiritwalment?). Għalhekk ipoġġi l-kwadru fuq sider il-mejjet?
L-istqarrija tiegħu li “in-Nannu rxoxta!" pero' mill-banda l-oħra turi li
huwa wkoll diġa' ittieħed mill-injuranza tal-ġenituri. Forsi għalih ukoll
diġa' tard wisq.
M. Allura jekk Fonzu jirrapreżenta l-ġenerazzjoni bejn dik xiħa u dik
żagħżugħa, nistgħu inqisuh bħal n-negozjant tipiku Malti f'tarf
is-sittinijiet?
T. Mhux neċessarjament negozjant biss, jew fi żmien is-sittinijiet biss.
Fonzu huwa pjuttost kwalunkwe bniedem li jgħid "Imiss lili issa. Ingawdi
jien, issa." Il-famuża generation gap hija aktarx effimera u
illużorja. Ix-xiħ ta’ llum mhux wara kollox għajr iż-żagħżugħ ta' 'l
bieraħ. L-egoiżmu t-tnejn jifmuh. U meta l-valuri jintilfu, l-egoiżmu
jirbaħ. (jew viċi-versa?) Għax kemm fi Fredu u kemm f'Fonzu hemm ċerta
ferneżija ddisprata - xiħaġa li waslet biex tixpakka. Iż-żmien huwa
t-tmiem tas-snin sittin, il-bidu tas-snin sebgħin. Id-dilluvju m'huwiex
‘il bogħod għal Malta. Forsi kont prużuntuż meta ddedikajt dad-dramm "Lil
Malta". Imma żgur messni żidt "...B'sogħba".
M. It-tama ta' titjib fil-qagħda finanzjarja toħroġ I-aktar fil-karattri
ta' Fredu u Roża. Din ħriġtha biex turi li l-ħajja żagħżugħa tfittex ħajja
finanzjarja dejjem aħjar minn dik ta' qabilha?
T. Naħseb li hu normali li jkun hekk. Biss f'din wieħed irid iħares lil
hinn mill-qoxra u ma jarax biss l-aspett finanzjarju. Il-kilba tagħhom
għall-flus hija aktarx sintomu ta' marda spiritwali, speċjalment għal
Fredu. Ir-regħba hija meqjusa bħala riċetta li tissarraf fi flus li
jittieħdu bħala duwa. Huwa n-nuqqas ta' sodisfazzjon fil-ħajja li jieħu
din is-sura ta' ġlieda għall-flus. Li kieku veru li kulma Fredu u Roża
jridu huwa biss titjib fil-qagħda finanzjarja, kieku bħal 'llum, għoxrin
sena wara, kieku jsibuh dan it-titjib finanzjarju, u kieku forsi kulħadd
huwa ferħan u kieku m'għadx hawn kilba għall-flus. Imma kieku. Għalhekk
pjuttost li wieħed għandu jħares lejn l-isem stess tad-dramm, "Ċens
Perpetwu", biex ifittex tixbiha, jew tifsira tiegħu. In-nuqqas ta'
sodisfazzjon, is-sens ta' malaise, l-idea li aħna stess donna
qegħdin hawn b'ċens, is-sens ta' fatalità, ta' impożizzjoni, dan li
jgħakkes lil Fredu, lil Roża u lil Fonzu nnifsu. Wara kollox, aħna Ikoll
ninsabu f'din id-dinja "b'ċens", u paradossalment nafu tajjeb li xejn
m'huwa "perpetwu".
M. Nistgħu għalhekk ngħidu li l-istat miżeru tal-kerrejja jirrifletti
biss in-nuqqas ta' djar, jew hi Malta nnifisha bil-problemi soċjali
tagħha?
T. Aktarx din tal-aħħar, u nżidu wkoll il-problema taI-eżistenza f'sens
kollettiv. Biss nerġa' niċċara wkoll li waqt li nikteb id-dramm qatt ma
għedt, "Issa ejja nieħdu kerrejja u nissimbolizzaw lil Malta." Jekk ħarġet
hekk, ħarġet aktarx intwittivament, kif bosta drabi toħroġ il-kitba
tiegħi. Bosta drabi wkoll huwa meta niġi biex nikkoreġi dak li ktibt li
nerġa' nirtokka biex naqla' aħjar dak li ktibt - kultant bil-kontra, biex
noffuska dak li hu espliċitu wisq, dak li flok jingħad jeħtieġ jinħass jew
jiftiehem biss.
M. It-teatru
jiġbor fih bosta ġeneri. Taħt liema ġeneru nistgħu nqiegħdu d-dramm
Ċens Perpetwu?
T. Jekk ikolli nagħżel, nagħżel il-"Black Comedy", b'doża tajba ta'
realiżmu, talanqas fil-karattri nfushom, fid-djalogu u fl-ambjent, jekk
mhux fi-istorja fiha nfisha li għandha ċertu surrealiżmu fit-tmiem tagħha.
Hawnhekk forsi ta' min wieħed isemmi li l-kamra li fiha tiġri l-istorja
kollha hija wara kollox kamra li eżistiet tassew, kamra li rajt
b'għajnejja stess fi ċkuniti. Nifatakar kamra mudlama fejn kienet għadha
kemm mietet waħda xiħa, u niftakar ix-xemgħat inemnmu fid-dlam, l-inkwatri
ta' qaddisin mal-ħitan, u n-nies, il-kbar, jitkellmu minn taħt l-ilsien.
II-mejta naturalment ma kenitx hemm, imma n-nuqqas tagħha (għax jien kont
rajtha xi drabi qabel), in-nuqqas tagħha donni ma stajtx naċċetah. Ma
niftakar ebda sens ta' biża’, imma s-sens li kien hemm xiħaġa nieqsa. Minn
hekk beda "Ċens Perpetwu."
LOUIS CASHA
EKU—
Diċembru 1991
LURA- ĊENS PERPETWU |
|