PALK MALTI  KONTEMPORANJU

DRAMMI  BIKRIN

DRAMMI   REĊENTI

PUBBLIKAZZJONIJIET

NOTI BIJOGRAFIĊI

ARKIVJU


                                       L-ARKIVJU STORIKU (1)  L-ARKIVJU STORIKU (2)  L-ARKIVJU STORIKU (3)

Text Box: L-ingredjenti tal-ħajja huma dak li huma — is-seba’ doni ta’ l-Ispirtu Santu, is-sebat irjus tad-dnubiet il-mejta, ix-xorti u l-mard.
Jiena moxt insejjaħlu moxt, mhux pettine. Ma hemm ebda raġuni għala kelma jew espressjoni li ngħiduha bla ebda inibizzjoni fid-dar, fit-triq jew l-uffiċċju ma għandhiex tingħad ukoll fuq il-palk, imqar jekk forsi wieħed ma għandux jesaġera — għalkemm mhux hekk jaħsbuha kittieba u ċensuri f'kull naħa tad-dinja barra hawn Malta. It-teatru konvenżjonali bl-evażjonijiet u l-insinċerità tiegħu kien qiegħed jaħfi s-saħħa tal-kelma u l-lingwa.

Mln-naħa l-oħra, il-kliem sabiħ u magħżul, l-espressjonijiet mirquma, dak l-għerf filosofiku li jinfexx f'diskorsi twal, marbuta b'loġika perfetta, bil-kliem u l-argumenti kollha f'posthom, mhux fid-dramm għandek issibhom, iżda fil-poeżija; u ċerta profużjoni ta’ spirtu pront u sarkażmu fin mhux il-palk postha, iżda s-satira...

Meta nitkellnu bejnietna huwa wisq rari li noħorġu b'espressionijiet perfetti, bil-kliem kollu f’postu mill-ewwel u bla ma nieqfu jew inlaqalqu. Aktarx li nidħlu u nwaqqfu lil xulxin, għandna mnejn nieqfu għal kelma, inġebbdu, nibdew mill-ġdid, noħorġu b'xi ħaġa bla sens... u dak li jkun jingħad jiftiehem biss mat-tielet jew ir-raba’ battuta, jew forsi jibqa' ma joħroġx, jew sa nofsu biss...

Dan għandu jkun id-djalogu tal-palk, l-avukat jitkellem ta' avukat u l-gabillott ta' gabillott, u mhux wara li jaħsbuha, iqisu l-kelma u jagħarblu l-argument, iżda b’dak li jiġihom f'ħalqhom dak il-waqt.

Mingħalija, id-dramm huwa arti semi-letterarja. Fih innifsu u in toto huwa letteratura, imma ħafna mid-djalogar ma  jistax ikun letterarju. Il-palk, wisq aktar mir-rumanz realistiku, huwa riproduzzjoni immedjata tal-ħajja.

U dak li għidt għall-kelma, jgħodd mhux anqas għall-karattri, il-passjonijiet u l-inċidenti. Minn qaddisi ħassejt li l-palk jippreżenta l-ħajja kif inhi, bla tiżjin jew tibġil, bis-sabiħ u l-ikrah tagħha — imma kif tiġri, bl-ilwien u l-kjaroskur tagħha
.
Inqala' min ħaqqaqha li r-realiżmu mhux għajr fotograflja. Allura l-pittur fotografu? II-pittur jista' jkun oriġinali kemm trid, imqar jekk u meta jikkopja l-ħajja, u l-pittur jista’ wkoll jirriproduċi, jew għallanqas jagħti lemħa tar-ruħ.

L-oriġinalità ta' l-awtur, bħal dik tal-kok, mhux tant fl-ingredjenti daqskemm fit-tisjira li joħroġ minnhom.

L-ingredjenti tal-ħajja huma dak li huma — is-seba’ doni ta’ l-Ispirtu Santu, is-sebat irjus tad-dnubiet il-mejta, ix-xorti u l-mard. F'dan il-katalogu għandek issib il-ħajja tal-bniedem f'din id-dinja — imma l-permutations li joħorġu minnha huma infiniti.

U hawn hi, hawn qiegħda l-oriġinalità tar-rumanzier u d-drammaturgti: fil-għażla, il-kumbinazzjoni u l-preżentazzjoni ta' l-ingredjenti. Oriġinalità aktar minn daqshekk ma jistax ikollok ‘l barra mit-teatru melodrammatiku. Anki fit-teatru ta' l-assurdità, Ionesco, Becket, Adamov, Genet u sħabhom jorbtu l-ankri tagħhom mal-blat tal-verusimiljanza.

It-teatru realista jista' jogħġobkom u jista' ma jogħġobkomx. Kwistjoni ta' gosti u ideat. Fil-każ nagħdru lil xulxin. Biss ftakru li r-realiżmu ġenwin jirriproduċi fedelment mhux biss l-ikrah, iżda s-sabiħ ukoll; mhux biss il-fatti materjali imma anki l-ħolm, mhux biss il-biki iżda wkoll id-daħk u ċ-ċajt. Imma de gustibus... Wara kollox hemm bosta xeħtiet ta' teatru, kollha fihom is-sabiħ u t-tajjeb tagħhom. Ftit ilu, sieħbi Francis Ebejer dewwaqkom it-teatru ċerebrali. Illum araw x'jidhirilkom mit-teatru realista. Jekk titmeżmżu minnu tkunu f'kumpannija tajba. Eugene Ionesco lilna r-realisti sejħilna "auteurs du boulevards" — rappreżentanti ta' konformiżmu xellugi.

ĠUŻÈ DIACONO (1912-2002)
(Bidu tas-Sittinijiet, daħla għal dramm)
 

PALK  MALTI  KONTEMPORANJU

Text Box: Mingħalija, 
id-dramm huwa arti semi-letterarja.
BIJONOTI                    DRAMMI  BIKRIN                    DRAMMI   REĊENTI                PUBBLIKAZZJONIJIET                    ARKIVJU