XSENURU 4 reġa'
wera li hawn għatx kbir għal drammi bil-Malti. Reġa' kkonsolida l-entużjażmu
taż-żgħażagh ġodda fjamanti li għandhom ħila, għada pitgħada, iwessgħu
dejjem aktar iċ-ċirku artistiku Malti, fuq linji "professjonali" (il-kelma
nagħżel li ma natihiex tifsira pura minħabba għadd ta' fatturi li trid
tkun għama biex ma tintebaħx bihom).
Niftakar illi l-ewwel
darba li sar Xsenuru. mat-tliet snin ilu, l-udjenza kienet tikkonsisti
f'numru fqir ta' mhux aktar minn sittin ruħ kull lejla. Hu kkalkulat li
mas-750 ruħ raw XSENURU 4 l-ġimgħa Ii għaddiet.
Din hi emanċipazzjoni li
tfisser ħafna. Tejatru b'saħħtu jiddependi mill-udjenza u mid-dispożizzjoni
tagħha li taċċetta forom u espressjonijiet artistiċi li jinbidlu u
jipprogredixxu. Għidt kemm-il darba illi il-kunċett ta' tejatru f'moħħ
il-ġenerazzjoni ta' llum jeħtieġ li tinbidel u jxidd libsa ta' involviment
soċjali (u nasal biex ngħid spiritwali, ukoll).
Inħoss li minn tejatru
b'saħħtu l-udjenza trid tassorbi kummentarju ħieles, bla kompromessi
immaturi, li jidentifika ruħu ma' medium potenti (għalhekk analitiku sal-iċken
dettal) għall-għarfien ta' struttura soċjali, politika, (li sa issa
tqieset bħala tabù u li wasal iż-żmien li fuqha jibda jżernaq dawl ġdid) u
reliġjuża tan-nazzjon.
L-arti f'ġieħ l-arti hija
kawża li nemmen fiha ħafna. Iżda l-arti f'ġieħ l-arti f'pajjiżna qatt ma
wasslitna 'l bogħod wisq. Ma' kull taqsima jeħtieġ li nibdew norbtu
kummentarji li jfissru; li jqajmu l-poplu u juruh xi tfisser l-indipendenza
tal-ħsieb
Hawn nara s-siwi ta'
XSENURU attivita' simili. Huwa s-siwi ta' esperimentazzjoni kuraġġuża li
trid trodd frott fis-snin li ġejjin.
***
L-ORIZZONT
— Il-Ħamis, 1 ta' April, 1971
|