PALK MALTI  KONTEMPORANJU

         NOTI BIJOGRAFIĊI                DRAMMI  BIKRIN                     DRAMMI REĊENTI                     PUBBLIKAZZJONIJIET                       ARKIVJU 
 

 

      

                                               English text available   

 

 


ANSJETẦ U ANESTESIJA FIL-LABIRINTI TAT-TEATRIN            English Translation
Diskors dwar demel u drammi (l997)
   
Fantażma illużorja, fanatażma deriżorja         Limbu ta' apatija          "The flop is the Norm"      L-etnoċentriċità mhux dnub mejjet 
Il-flus, jum il-bluha         Balal, preżunzjoni u proattività       Bejn ansjetà u anestesija

Fil-bidu kien hemm Ebejer

Nixtieq nibda billi nikkwota silta żgħira minn ġurnal lokali ta' xi 25 sena ilu: "U fil-bidu kien hemm Ebejer... U kien Diċembru tas-sena l962 meta l-purtieri tal-Manoel ingħalqu fuq id-dramm Vaganzi tas-Sajf u żernaq dawl ġdid fuq il-Palk Malti.

Jekk wieħed xidarba jikteb il-Ġenesi tad-Dramm Malti, żgur li l-ewwel sentenzi għandhom ikunu dawn.

Jekk inħarsu lejn it-titlu tal-programm li ġabna hawn illum, ikolli nistqarr li jekk illum m'hawnx kriżi ta' kitba, żgur lanqas ma konna noħolmuha 25 sena ilu li kien jasal tmiem is-seklu u nkunu għadna nistaqsu jekk hemmx kriżi fit-teatru Malti. Nistgħu ngħaddu bosta sigħat niddiskutu x'inhu filfatt isir f'Malta bħala teatru. M'hemmx dubju, li bħal dejjem, attività hawn fuq li hawn. U li l-livell m'huwiex jitbaxxa - anzi. Imma fuqiex qed nitkellmu aħna? Attività teatrali ntiża li tfisser radju, televixin, palkijiet, teatri tat-triq, teatru sperimentali eċċ... Jew drama? Dramm miktub? Dramm ġdid miktub minn kittieb? Drama minn kittieba Maltin - għal Maltin? Speċifikament għal Palk Malti - fuq temiet Maltin - ambjent Malti - fuq ir-ruħ Maltija - il-kuxjenza Maltija? Hawnhekk qed nippruvaw nindividwawha l-kriżi? Il-kriżi perenni? Jekk hu hekk naħseb li l-mistoqsija hija superfluwa kemm jista' jkun.

Huwa veru li ssib min isossni li hemm teatru alternattiv għal dak tad-drammaturgu 'sterjotipat' kif nifħmu jien. U kulħadd jaqbel li t-teatru għandu elf forma - kull waħda leġittima - u kull waħda ħaqqha kull appoġġ. Pero jien, bħala kittieb, qed nitkellem fuq it-teatru miktub. Sejjaħlu tradizzjonali kemm trid, però huwa teatru kif inhu rikonoxxut fi kwalunkwe pajjiż tad-dinja. It-teatru li ebda kultura ta' ebda pajjiż li jirrispetta lilu nnifsu m'hu sejjer jiddubita n-neċessità assoluta tiegħu.

Il-fatt hu, għaddew erbgħa u tletin sena minn mindu seħħ dak il-pass żgħir għall-Palk Dinji, imma pass hekk ġigantesk għat-Teatru Modern Malti. Permezz ta' Ebejer - u kittieba bħal Ġużè Diacono - id-dramm Malti saflaħħar kien donnu rnexxielu jsib it-triq li toħroġna mill-labirinti tat-teatrini. Morna mqarqin imma. Bil-mod il-mod id-dija ta' dak iż-żerniq ebejerjan majnet sew sakemm kollox reġa' ntefa' fiċ-ċpar li ninsabu fih illum. U erġajna dħalna għall-kenn tal-labirinti.

Fantażma illużorja, fanatażma deriżorja

Ħassejt li dan il-preambolu kien meħtieġ. U għedtu biex forsi nbiddlu l-perspettiva komda li minnha ħafna drabi nindenjaw inħarsu lejn il-kitba b'ilsienna u nifħmu aħjar l-isfond tal-kwadru li fih rridu nippruvaw nindividwaw il-kittieb tal-Malti u speċifikament dik il-fantażma illużorja - u għal ħafna, deriżorja - li huwa l-kittieb tal-palk Malti llum.

Għaliex deriżorja? X'inhu jagħmel imma l-kittieb Malti daż-żmenijiet? Għaliex għadek issib - aktar minn qatt qabel infatti - korrispondenti u kittieba fil-ġurnali, saħansitra editorjali, li jagħżlu li jmigħru min għadu jipprova jikteb bil-Malti?

Huwa veru li ċerta medjokrità ta' kitba bil-Malti teżisti. Imma dan ma naħsibx li għandu jinkwetana wisq. Ħalli jkompli jkollna l-medjokrità. U nittama li tibqa' teżisti l-medjokrità. Għax tibqa' teżisti, b'xorti tajba, sakemm jibqa' dak l-ibleh li jrid jikkomunika bil-kitba. Il-kitba ta' livell baxx wara kollox issibha f'kull pajjiż. Infatti jekk tidħol f'ħanut tal-kotba aktarx ssib li l-ixkafef huma mimlija bl-irmixk - li huma l-bestsellers! - waqt li xogħol aktar impenjattiv issibu mrekken f'xi xkaffa mwarrba. Ċensura frott ta' eżiġenzi kummerċjali li ma nistgħux naħarbu minnha, lanqas hawn Malta.

Limbu ta' apatija

Imma aħna mhux fuq il-kotba fuq l-ixkaffa rridu nitkellmu, imma fuq dramm mhux maħdum. Għax sakemm ma jinħadimx, jibqa' bħal ruħ ikkundannata li tgħix fil-Limbu ta' l-apatija u l-anonimità. Jekk mhux animosità.

Ukoll jekk inħarsu lejn il-mod kif tpoġġiet il-mistoqsija hawn: "Il-Kitba Teatrali - Hemm xi Kriżi?" L-għażla tal-kliem żgur ma kienx aċċidentali. Huwa ovvju li wieħed huwa konxju li hemm min lanqas jixtieq jimplika li jista' qatt ikun hemm - u lanqas ma jixtieq li xiħadd jassumi li tista' qatt tiġi kkonsidrata l-ipoteżi li hemm, allaħares qatt, f'din l-utopja teatrali Maltija "xi kriżi".

Is-sempliċi fatt li nibqgħu nsossnu, deċenju wara deċenju, li m'hawnx kriżi ta' kitba għall-palk, waqt li oħrajn jassumu li għax din il-kriżi - jekk teżisti! - hija perenni u allura m'hi kriżi xejn, u nibqgħu sejrin bit-teatrini qisu ma ġara xejn - u nibqgħu nisselfu t-teatri barranin qishom tagħna - allura l-kriżi tassumi dimensjoni semantika hekk gravi li tbikki tabilħaqq.

Ħasra li minkejja dogmi għall-kuntrarju, dan il-limbu tal-kultura tagħna għadu jeżisti - tletin sena wara l-Indipendenza. Ħriġna mit-Tielet Dinja imma ħallejna l-kultura tagħna zzappap warajna. Għax kultura bla teatru - bla teatru indiġenu, teatru intimu u propriju - hija kultura mmankata, sottożviluppata u retrograda. Jekk il-Palk Malti huwa destinat li ma jeżistix u dan in-nuqqas jibqa' jiġi aċċettat u injurat - injurat sforz l-injuranza - injurat sforz snobbiżmu - injurat sforz eżiġenzi u deċiżjonijiet li ma jarawx 'il bogħod mill-imnieħer - injurat minn min suppost qiegħed jew qegħdin hemm biex jagħmlu dak li għandu bżonn isir - iżda ppruvaw u qatgħu qalbhom - allura nirriskjaw li veru naslu fl-estrem li lanqas min jikteb ħmerijiet għat-teatru Malti ma jinstab. Altru milli nistennew xi Ġenesi ġdida Ebejerjana tal-Palk Malti - altru milli xi riġenerazzjoni - xi twelid mill-ġdid tal-Palk Malti!

X'mostru nistennew li joħroġ mill-labirint - x'għaġeb jista' jitwieled - jekk ħlief nitqaħħbu fis-sodda ta' palk barrani ma nagħmlux?
 

"The flop is the Norm"

Mela ħalli jinkitbu l-ħmerijiet bil-Malti. Ħallu li jinkitbu. Pero ħallu li jittellgħu ukoll...

Fit-teatru, il-falliment huwa r-regola - is-suċċess huwa l-eċċezjoni. Jew kif kien jgħid Harold Clurman - the flop is the norm. Flimkien mal-Group Theatre u kittieba bħal Clifford Odetts, Harold Clurman kien ta waħda mill-akbar spinti li qatt ħa t-teatru Amerikan fit-tletinijiet u l-erbgħinijiet, propju meta l-pajjiż kien jinsab fl-eqqel kriżi - id-Depression.

Nikkwota ftit aktar fit-tul lil dan ir-reġista eċċentriku imma ferm produttiv.

"The history of the theatre is the history of lousy plays. ...Because you can't have good plays unless you have a lot of bad ones... - unless there's activity - unless you're producing. Some think you'll have one masterpiece after another, and if the thing is not a masterpiece "To hell with it!" People have asked me too "Why don't we have more good plays?...I say: Why don't you ask why don't we have more bad plays!? "Because if you had more bad plays you'll have more good plays!... That's the manure that makes things growl... It's very valuable manure! As manure is valuable to growth! We need activity, we need action, we need trial we need error. - Because the success is always a rarity in the theatre - and the flop is the norm."

Ta' min jiftakar li fl-Amerika flop, falliment teatrali, jissarraf f'telf ta' eluf u eluf kbar ta' dollari. Hawn Malta l-għexieren, rari l-mijiet ta' liri! Mela kemm jista' jiswa dan id-'demel' imprezzabbli hawn Malta? Hemm baġit  li jisboq il-pragmattiżmu u jżellaq l-erba' soldi meħtieġa għall-kawża ta' ruħ is-soċjetà tagħna? Akkost li fil-baġit tagħna tinħoloq ħofra daqs piżella? M'hix ta' min allura tirriskja l-ftit liri biex tiskopri xiħaġa imprezzabbli - ir-ruħ tal-pajjiż?

Għax fuq dik ukoll qed nitkellmu - ir-ruħ tal-pajjiż - l-identità tas-soċjetà - l-għarfien ta' niesna - kemm dawk imgħoddija imma aktar u aktar dawk li ngħixu magħhom kuljum.

L-etnoċentriċità mhux dnub mejjet

Le - l-etnoċentriċità m'hux dak id-dnub mejjet li xi wħud kultant jassumu li hu. Meta r-ruħ tal-pajjiż għadha mistura - meta l-ġrajjiet tal-poplu għadhom moħbija taħt tabù inċestwali - meta hemm tant dnubiet mhux imqerra, tant maħfriet u tant skonġuri - tant stejjer x'jingħadu... Biżżejjed wieħed iħares lejn il-ftit ġrajjiet li issa drajna sew naraw iċappsu l-headlines u l-aħbarijiet - ġrajjiet li li kieku jidhru f'xi dramm malajr jiġu ttimbrati melodrammatiċi! Dawn huma the tip of the iceberg.

Li kieku kellna l-kuraġġ niftħu fommna - niftħu fommna tassew - aħna l-kittieba! Sfortunatament l-agħar ċensura mbagħad f'dan il-pajjiż hija l-awtoċensura. Mhux ta' b'xejn it-teatrin irħis...

Nieħu silta żgħira mid-daħla ta' l-aħħar dramm tiegħi U l-Anġlu Ħabbar... - l-uniku dramm ippubblikat li inċidentalment għadu ma ġiex imtella'. Nikkwota għal dawk il-ftit li forsi għadhom ma qrawhx:

"IL-ĦTIEĠA TA' DRAMA KONTEMPORANJA

X'forma jew forom trid tieħu din id-drama ...relevanti li attwalment ilha żmien twil ma tiġi mogħtija l-għarfien meħtieġ... u wisq anqas l-appoġġ li jistħoqqilha fuq il-Palk (ineżistenti?) Malti?

Dan it-tip ta' drama ma hux tip komdu, anzi, huwa skomdu ħafna. Forsi għalhekk in-nuqqas ta' rifda. ...Forsi hemm min isibu aktar komdu jara x'inhu jsir 'il hinn mix-xefaq dejjaq ta' gżiritna. Imma... partikularment - direttament - jeħtieġ tip ta' drama ieħor. Għax tas-sengħa kemm huma tas-sengħa x-xenarji barranin, qatt ma jiffukaw ruħhom bi preċizjoni biżżejjed biex jolqtu l-ambjent partikulari Malti. Qatt ma jqajmuna mill-anestesija komda tat-tejatrin għall-ansjetà skomda tal-kontemporanju. L-għana ta' Malta tinsab f'l-istrata u fis-substrata ta' dan ġensa antik li għadu qatt ma tħalliet tittella' fil-wiċċ: fil-għera tal-Palk Rilevanti Malti. Għadna (bilkemm) bdejna noborxu l-wiċċ imballat żonqor ta' din l-art torba. Għadna qatt ma ppruvajna niftħu vina maġġura fejn iserrpu l-kurrenti u kontrokurrenti mniġġsa ta' ġensna. Mhux fuq il-Palk Malti.

Imma għall-kittieb li jrid jimpenja ruħhu, għalih il-materja prima għadha verġni. L-orizzonti illimitati. II-vjaġġ fil-bidu.

Imma jrid imur waħdu... Ikollu jmur waħdu.

Għax safrattant nimpenjaw ruħna biss biex... niddiskutu X'JISTA' JSIR... Sakemm jasal iż-żmien meta dramm kontemporanju jixjieħ - (dramm kontemporanju mhux maħdum li għal xi raġuni jew oħra baqa' jgħix fil-Limbu tal-linka stampata) - sakemm jasal iż-żmien meta (dan) id-dramm kontemporanju jixjieħ. U ma jibqax aktar kontemporanju; isir storiku - isir wisq isbaħ, Oh! Isir FOLKLOR. U allura mbagħad isir komdu. (U allura mbagħad jista' jittella' forsi.) U b'hekk il-ħtieġa ta' drama kontemporanju tibqa' suġġett ta' diskussjoni periferika, distakkata u 'il hinn mill-ħajja u mill-ġrajja ta' dan pajjiżna newtrali... u newtru u sterili.

Talanqas fuq il-palk."

Il-flus, jum il-bluha

Jgħidu li every fool has his day. Dan huwa l-jum tal-bluha tiegħi - il-jum li nipprova nsib ftit fiduċja fil-futur. Mela min jaf kieku nassumu li se jkollna xi ftit flus x'nonfqu f'ġieħ il-Palk Malti?

Veru - il-flus mhux kollox. Imma l-flus m'humiex biżżejjed lanqas. Jew, jekk huma biżżejjed jekk hemm baġit iddedikat esklussivament għat-teatru, wieħed huwa fid-dmir li l-ewwelnett jara kif qed jintefqu dawn il-flus, u, it-tieni - isib mod aħjar kif jintefqu.

Għax żewġ affarijiet huma żguri, jintefqu kif qed jintefqu, m'humiex jilħqu l-iskop li joħolqu art aktar għammiela għad-dramm oriġinali Malti. Għax fejn huwa kieku d-demel imprezzabbli ta' Harold Clurman? Fejn hu dak id-demel... ta' dramm Malti?

Ejja nammettuha - 'ilhinn miċ-ċirku ristrett u letaġirku tagħna, aħna l-kittieba u n-nies tat-teatru, fi ħdan dan il-qasam fallimentari ma nara ebda inkjesta, ebda rapport ikkummisjonat. Mhux fil-qasam esoteriku ta' l-arti. Forsi għax il-profitt mistenni ma jistax jiġi mkejjel bil-liri u ċ-ċenteżmi. Forsi għax bil-VAT jew mingħajrha, l-Arti tgħaddi wkoll mingħajr ma tiżbilanċja ebda budget. Forsi għax il-pragmatiżżmu jissuġerixxi li l-kittieba huma kawża mitlufa — nies li ma jiggarantixxulekx il-vot - nies li ma tistax tafda fuqhom — fuq il-lealtà partiġġjana tagħhom.

Dan kollu jerġa' jġibna lura għar-rispett, għall-attenzjoni jekk mhux rispett, li lil min jaħdem fil-qasam tat-teatru, bħal f'kull qasam artistiku ieħor, jixraq li jingħatalu mis-soċjetà li tagħha huwa l-portavuċi daqs kemm huwa l-kuxjenza. Imma kemm nippreferuha siekta dik il-kuxjenza. U kemm ftit hawn min jimmisjaha.

L-istess korrispondent lokali li kkwotajt fil-bidu ta' dad-diskors, f'artiklu ieħor fl-istess ħabta kien staqsa hekk: Hawn xi awtorità risponsabbli li tista' tikkonferma xniegħat persistenti li l-artisti Maltin waslu biex jistrajkjaw u jimblukkaw kompletament għal żmien indeterminat il-produzzjoni artistika lokali? Hemm xi ċans li dan in-nuqqas jeffettwa b'xi mod il-ħajja normali ta' kuljum tal-pubbliku Malti?

Safejn naf jien ħadd ma ndenja ruħu jagħti tweġiba.

Balal, preżunzjoni u proattività

Safrattant - safrattant forsi għadna nippriżumu wisq mill-kittieba tagħna. U l-kumpens dejjem hu minimu.

Niġu għan-numri - eżempji:

  • Il-ħlas għall-kitba ta' radjudramm kwart ta' seklu ilu kien ta' £M22 - kważi paga ta' ġimgħa dak iż-żmien. Jekk nużaw l-istess kejl illum m'għandux ikun ta' £l00? Fil-fatt kemm hu? £28?
     

  • Issib min jekk jikkumjissjonalek xi xogħol għal erba' liri jew jekk tirbaħ konkors - jeżiġi li titlef kull dritt — i\-copyright saħansitra.
     

  • Min iniedi l-konkors għadu jorbtok li ma titkellimx fuq pulitka u lanqas reliġjon. Imma dik m'hix ċensura ukoll? U jekk tirbaħ konkors lanqas m'għandek tippretendi dejjem li tieħu l-flus imwiegħda! Tgħallimt a spejjeż tiegħi li mhux hekk titlob is-serjetà Maltija. Hawnhekk nixtieq nagħmel suġġeriment - suġġeriment xejn oriġinali nammetti - imma forsi fil-magnanimità ambigwa ta' l-ambjent Malti jista' jirnexxi. Jien naqbel ma' min ħareġ bl-idea li f'konkors min jiġi t-tielet għandu jieħu l-akbar ammont ta' flus - min jiġi t-tieni jieħu ftit anqas u min jigi l-ewwel ma jieħu xejn! L-unur huwa hekk eċċezzjonali li xejn xejn kittieb timlielu żaqqu - jekk mhux butu.
     

  • U xi ngħidu għat-teatri tagħna? Parir lill-kittieb li tiġih l-idea oriġinali li jibgħat xi skript lil xi management ta' teatru nazzjonali u jitlob biex itella' dramm minn butu fl-istaġun li jkun ġej: ara ma jkunx hekk prużuntuż u jippretendi li jirċievi risposta malajr malajr. Kemm ili nistenna jien?... Sena - sentejn ... and counting.

Okay, neħħejt dawk erba' balal minn fuq l-istonku, ta' min wieħed ikun xi ftit pożittiv, xi ftit proattiv, biex inkunu politikament korretti.

Erba' suġġerimenti: b'xejn u gratis, kif imdorrijin nagħmlu aħnal-kittieba:

  1. Il-ħtieġa ta' diretturi artistiċi - diretturi artistiċi nazzjonali - u speċifikament - esklussivament - biex jaħdmu fil-qasam tal-Palk Malti. Nissugerixxu li jinħatru dawn in-nies - b'renju ta' mhux iżjed minn sena, sentejn - u juru x'inhuma kapaċi jagħmlu. Nies li għandhom viżżjoni - nies illużi u/jew diżillużi kemm trid - nies imma li għalihom il-ħolma tal-Palk Malti għadha ma osfrotx. Tihom sena sentejn biex iwettqu xogħolhom. Ħallihom jiżfugaw. Imbagħad aqtagħlhom rashom. Qabel ma tintefħilhom wisq. Imbagħad sib direttur, direttriċi artistika gdida. Demm gdid. U tiha jew tih ċans joħlom ħolma oħra... Żgħażagħ u anżjani, konformisti u mhux konformisti. Xiħaġa toħroġ żgur. Xejn xejn iħallu ftit demel. U xiħaġa aħjar mix-xejn li għandna issa.
          

  2. Jeħtieġ direttorju li jirreġistra copyright tad-drammi kollha, id-drammi oriġinali kollha li hawn bil-Malti.
     

  3. Tinħtieġ li tiġi stampata bl-aktar mod irħis u senza xinxilli librerija ta' dawn id-drammi - dawk li hawn u li jista' jkun hawn fil-futur - impjant ta' reċiklaġġ tad-drammi, demel bl-irħis, bil-Malti. Servizz ta' skripts - kont se ngħid skips - għad-dispożizzjoni ta' kulmin irid itella' dramm Malti.
     

  4. Min jaf kieku xi ħadd, xi organizazzjoni, pubblika jew m'hix, jieħu l-inkarigu biex kull staġun joffri lill- kumpaniji teatrali Maltin għażla xierqa ta' drammi relevanti - tiżwieqa ta' drammi ġodda u xi wieħed mhux daqshekk ġdid - basta relevanti! - u kull wieħed minn dawn id-drammi magħżulin jivvalutawh sussidju ta' ċerta somma - ċertu dramm li jistħoqqlu ħames mija - dramm li jistħoqqlu sitt mija - u dramm li jistħoqqlu elf jew elfejn. U dawn il-grants ikunu totalment indipendenti minn jekk min itellgħuhom jagħmlux qligħ jew telf. Wieħed jittama li b'dan il-mod il-kumpaniji teatrali jikkonkorru u jingħatalhom inċentiv ieħor biex ma jibqgħux lura - u mhux jitħallew jieħdu r-riskju huma biss biex itellgħu l-aħjar xogħlijiet ġodda Maltin.
     

Bejn ansjetà u anestesija

Għax altrimenti x'futur għandu drammaturgu Malti?

F'din it-34 sena ta' l-era post ebejerjana l-Palk Malti huwa moribond. Forsi ilu moribond, però issa mmummifaka ruħu sew u jalla bediex jintenn! Dak il-korrispondent li kkwotajt fil-bidu li ffanfra bl-apoteosi tal-Palk Malti 34 sena ilu, kont jien - dak l-istess korrispondent li kkontempla wkoll l-istrajk ta' l-artist Malti. L-istrajk tiegħi kien dam ma' l-għoxrin sena. Illum la għandi fidi fl-apoteożi tal-palk u lanqas fl-istrajk tal-kittieb. Wieħed jikteb għax jikteb - irid jew ma jridx. M'għandi ebda soluzzjoni li tiggarantixxi li tista' ssolvi l-falliment semantiku li hemm bejn min jikteb u l-pubbliku tiegħu.

Jien nissuspetta li l-Maltin tilfu -kapaċità ta' l-introspezzjoni u l-kapaċità li joħolmu. Tilfu - jekk qatt kellhom - is-sens ta' ideal.

L-agħar meta jitilfuh ukoll il-kittieba.

Wara kollox, min għandu jerfa' r-responsabbiltà ta' dan il-falliment f'soċjetà inakkontabbli bħal tagħna. II-kittieba? Forsi. L-kittieba wkoll. Imma l-kittieba l-anqas. It-teatri, il-producers, it-televiżżjonijiet, ir-radjijiet? L-awtur ukoll... Imma fejn huma d-diretturi artistiċi? Il-kritiċi? Il-Kumpaniji Teatrali? Ir-reġisti, l-atturi... L-iskejjel? L-Università?

Iva l-awtur ukoll.

Imma żgur mhux l-awtur waħdu. U safrattant ninsistu li nistaqsu l-mistoqsija ipokrità: X'qed jagħmlu l-awturi Maltin? Il-mistoqsija għandħa tkun:

Min reġa' daħħalna nitrekknu fid-dlamijiet tal-labirinti tat-teatrini Maltin? Kemm hawn min diġà ddeċieda li l-kittieba huma an unneccessary evil u li t-teatru jgħaddi mingħajrhom f'Malta Moderna? Li t-teatru jista' jeżisti mingħajr kittieba? 

Imma jekk irridu niġu ghar-risposta tal-mistoqsija superfluwa li bdejna biha:

Iva - hemm kriżi fil-kitba għat-teatru.. Imma l-ansjetà jħossha biss il-kittieb innifsu. Hija kriżi personali li jrid jipprova jirbaħha kull darba li jerġa' jaqbad pinna biex ikompli jikteb. Imma dik ħadd ma jimpurtah minnha. U allura le, le, m'hemm ebda kriżi fil-kitba għat-teatru. Ma wasalna f'ebda punt kruċjali tal-marda - talanqas ebda punt ġdid. Il-marda hija kronaka u aċċettata - l-uġigħ m'għadux jinħass - drajnieh u l-anestetiku għadu effettiv.

Nikkwota lid-drammaturgu Edward Albee: waqt diskors lin-National Press Club of America xi sena ilu b'referenza għat-teatru kontemporanju Amerikan, Edward Albee qal dan:

“We invented the Arts to define ourselves to ourselves - to define consciousness to ourselves — and we live still in a society where there is nobody to deny us access to the tough truths that the Arts can tell us. Nobody yet - except ourselves. There are two important things to remember about a Democracy - the first of which everybody pays a great deal ofattention to; the first thing about a democracy is that - in a democracy you can have anything you want. The second truth, which most people don 't want to pay any attention to, is this: in a democracy, you end up with exactly what you deserve."

Hawn Malta, il-palk demokratiku tagħna, iċ-ċittadini tagħna, l-udjenzi tagħna, qed jieħdu dak li ħaqqhom: teatrin demokratiku bla heda.

Oreste Calleja - Jannar/Frar l997 San Ġiljan - Malta
ARA WKOLL:  http://adriangrima.250free.com/kitba_teatrali.htm                                                                            

 

      PALK MALTI KONTEMPORANJU

 NOTI BIJOGRAFIĊI                 DRAMMI  BIKRIN              DRAMMI   REĊENTI               PUBBLIKAZZJONIJIET                      ARKIVJU