Għasfur taċ-Ċomb 
 

PALK MALTI KONTEMPORANJU
                       DRAMMI                     PUBBLIKAZZJONIJIET                   ARKIVJU                      NOTI BIJOGRAFIĊI                                
 

 



1993
The MALETH  Company
Produzzjoni - Salvu Mallia
 

 



 

Simon Curmi   Mary Rone Bonello  Fabian Scerri DeCarlo Moira Muscat  
Michael Sciortino  Monica Attard   Marylu Coppin
Produzzjoni - Salvu Mallia

 


oreste callej


The first stage version of the play was presented at the 1972 Akkademja tal-Malti drama competition where it won the distinction of being awarded recognition of merit for plays written by 'younger" authors (under 31 years of age). The major prizes were reserved for the more experienced  writers.

Għasfur taċ-Ċomb, ippubblikat fl-1993 ra l-bidu bikri tiegħu bħala radjudramm fl-1970. Dan ipoġġih fi żmien meta t-teatru Malti kien għaddej minn żmien ta’ enerġija u bidla kbira, għalkemm kien perjodu li kellu jkollu għomor qasir. Kien iż- żmien meta t-Teatru Modern Malti kien għad għandu biss ftit snin u għadu kemm qed jibda jsib saqajh. It-twelid ta’ dat-teatru Modern, li bħal oqsma oħra tal-letteratura Maltija, speċjalment il-poeżija, kienu bdew jimirħu ‘l bogħod mit-tradizzjoni u l-illużjonijiet li xekklu, aktar milli staġnew, il-kitba b’ilsinna, (talanqas fil-fehma tal-kittieba żagħżagħ tas-Sittinjiet.) Oreste Calleja kien wieħed minn dawn il-kittieba li mill-bidu tal-ħidma tiegħu għażel kważi esklussivament li jikteb biss xogħol drammatiku.
Bħax-xogħlijiet bikrija tiegħu, u ta' bosta kittieba oħrajn ta’ l-epoka, Oreste Calleja beda jikteb l-ewwel għar-Radju bil-Fil (magħruf bħala Rediffusion) u l-ewwel verżjoni tad-dramm ixxandret fl-1970 taħt l-isem “Għollieq fis-Serra”.

Dan ir-radjudramm jista’ jitqies bħala l-ewwel stesura tal-ġrajja li wara kellha tiġi mlaħħma u żvillupata fi dramm ta’ tliet atti u epilogu li ra l-pubblikazzjoni finali tiegħu fl-1993 - tlieta u għoxrin sena wara.

Ma hemmx dubju li wieħed jista’ jara li din il-qabża ta’ ħżmien bejn epoka u oħra, (jiġifieri dik ta’ Malta immedjatament post-indipendenti u dik tal-bidu tas-seklu ġdid, snin wara) hija riflessa fid-dinja testwali tad-dramm. Infatti, bejn il-bidu tad-dramm - l-ewwel att, l-ewwel xena - u fl-Epilogu li bih jispiċċa d-dramm, wieħed jara l-mogħdija ta’ għexieren ta’ snin - il-qabża bejn is-sittinijiet u t-tmiem tas-Seklu Għoxrin.

L-implikazzjonijiet soċjopolitiċi, kif ukoll l-isfond ta’ kultura antika li waslet biex tara t-theddida ta’ 'reviżżjoni radikali ta’ valuri li għal żmiem twil kienu miżmuma bħala intokkabbli, hija d-dinamika li toħloq il-konflitti li joħoġu mid-dramm. Daqskemm hija kbira l-kilba għall-ħelsien, daqstant hija soda r-rabta umbilikali mal-kenn tat-tradizzjoni. L-influwenza tal-passat fuq il-preżent, il-weġgħa inevtitabbli li wieħed irid jgħaddi minnha biex jipprova jinqata’ minn dak li jorbtu ma’ dak li żamm għalih għal żmien twil biex jerġa’ jitwieled mill-ġdid bħala bniedem “ħieles”, huma fatturi li jikkontribwixxu biex tintfiehem aħjar id-dilemma tal-protagonista, Samwel. Għalkemm huwa l-“Angry Young Man” par exellance, fl-istess ħin huwa magħġun mill-istess valuri li jixtieq jiċġad. Fi tmiem it-tielet att, meta Samwel ma jistax jaħrab aktar id-deċiħjoni jekk jitlaqx mid-dar ta’ l-antenati tiegħu jew le, Petra tistaqsih “Min miet tassew hemmġew?” biex ftit waqtiet wara Samwel innifsu jkompli jinsisti li issa li huwa “tassew ħieles”, issa jista’, forsi, “jimxi fuq l-ilma”. Jekk din hix biss illużżjoni jew le, li wieħed tassew jaħrab l-imgħoddi, kemm personali, kemm ta' ġens sħiħ, hija l- mistoqsija li fuqha huwa minsuġ id-dramm. Imma Samwel huwa l-anti-eroj tipiku ta' ġenerazzjoni mwielda taħt it-theddida ta’ olokawstu nukleari, donnu kkundannat minn ġufu għall-awto-distruzzjoni. Il-mewta tiegħu, (żvelata sommarjament fl-epilogu għoxrin sena wara minn Petra, eredi u unika superstita) hija banali daqs kemm hu stess seta ra l-eżistenza tiegħu - imut fuq mutur (għasfur taċ-ċomb) imkaħħal ma’ korozza (Ford Cortina = Sa Petronja = id-dinja li ċaħad?) fuq ir-Regional Road, it-triq ta’ Malta ġdida.

Għax bħalma Calleja kien iddedika d-dramm Ċens Perpetwu (1969) “Lil Malta” (ħames snin biss wara l-Indipendenza) jidher ċar li wkoll Għasfur tac-Ċomb huwa wild l-istess preokkupazzjonijiet, u b’rabta sħiħa ma’ għeruq nazzjonalistiċi. Meta wieħed joħroġ ‘il hinn mill-livell realistiku tad-dramm, fid-dar antika tad-Depawli wieħed jista’ jara riflessa metafora ta’ qagħda storika-kulturali ta' ġens u nazzjon sħiħ, nazzjon antik fuq xiferta’ twelid ġdid mimli possibiltajiet, imma safrattant, bidu ġdid mimli wkoll apprensjonijiet u twegħir. U fuq kollox, xorta mgħobbi bl-imgħodd -bħall-bebbux ta’ Eżra (personifikazzjoni tal-kuxjenza ħatja) li joħroġ ma’ l-ewwel xita, ikaxkar daru fuq dahru.

Id-dar antika tad-Depawli rat bosta ġrajjiet u tgħabbiet b’bosta ħtijiet. Il-ġonna, darba esetensivi u mogħnija bil-frott, issa huma mitluqin u għera - xhieda konkreta ta’ qagħda ta’ rovina, kemm fiżika, kemm morali, ta’ min jabitaha. Minn barra l-ħitan tal-ġonna, swar abandunati mill-għassiesa, toqrob dejjem aktar l-invażżjoni dejjem aktar azzardata tal-predituri - in-nassaba u l-kaċċaturi. L-għeluq mgħasses għal tant sekli saflaħħar ikollu jċedi s-sigrieti.
 L-epilogu jikkonferma li dan issa huwa l-imgħoddi. Illum il-ġonna huma l-għaxqa tal-pajjiż, waqt li d-dar saret tabilħaqq “mużew”. Tgħammar fiha, jew tgħasses fuqha baqa’ biss Petra, ixjeħ u weħedha, l-unika superstita tal-ġrajja
.













L-ISKRIPT

tad-dramm





 


 

 


DWAR L-ISKRIPTS tad-drammi: Nota dwar l-użu

PALK MALTI  KONTEMPORANJU

 

DRAMMI                        PUBBLIKAZZJONIJIET                              ARKIVJU                          NOTI BIJOGRAFIĊI