IL-ĠRAJJAIż-żmien u l-post:
Malta fil-bidu tad-disgħinijiet, fuq mewġa ta' prosperità u rankatura
konsumistika.
L-ambjent:
dak li dejjem imur minn taħt.

In-nies:
ŻEWGT AĦWA abbandunati minn ommhom u missierhom, weħedhom ġod-dar li
wirtu b'saħta - jippruvaw isibu rkaptu ta' x'kien li għadhom marbutin ma'
art missierijjiethom fejn għexu ħajjithom taħt il-ħars tal- mostri mistura
imma xejn anqas qerrieda - il-biża u l-ħtija.
Żewgt barranin
IT-TFAJLA li qatgħet jiesha minn wieħed u tat lilha
nfisha lil ħuħ u lil kul min jiġi, inkluż l-aLLA ZGĦIR u iswed
jobżoq il-liri ta' l-affariżmu rgħib.
IX-XIĦ: il-pellikan li lest imut għal uliedu, ipatti għall-imgħoddi.
L-OMM li ma tidhirx imma dejjem hemm.
SILTA
(Mit-2 Att, 2 Xena)
RIENI: Għalhekk telqet mela?
ALISTAIR:
(jikkwota) Meta fl-istess darek issib ruħek ittraduta, ittraduta
minn min tant ħabbejt… Ma setgħetx tkeċċih imma, id-dar kienet f’ismu wkoll.
Imma x’tagħmel meta ma tistax tafda ’l min qed jgħix miegħek taħt l-istess
saqaf tiegħek? X’tagħmel? Ma felħetx. Talanqas kienet konsistenti fuq hekk –
l-istess bħal ma keċċiet lil missieri, għoxrin sena ilu, riedet tkeċċi lil
Michael wkoll. U lili.
RIENI: Lilek?
ALISTAIR: Lili wkoll. Għedtllek,
is-sitt xhur li għamilt hawn kien interrogarju kontinwu, bla heda. U xorta
qatt ma fehmet, jew riedet tifhem. Allavojla kien hemm id-demm bejnietna,
jorbotna. Ma fehmitx. Avolja kien hemm id-demm… Imbagħad, nhar il-Ħamis,
sabet dawk il-vidjows. Għax ħallejthom hemm apposta, biex forsi xi darba
tifhem, darba għal dejjem min jien. Darba għal dejjem.
RIENI: Kien għalhekk mela li
telqet.
ALISTAIR: Għalhekk. Minħabba fih
u fija. Minħabba missieri għoxrin sena ilu – minħabba fina lkoll. Falliment
wara l-ieħor. Falliment agħar minn ieħor.
|